Xiri taz-zejt mill-Libja – Konsumaturi jistennew rohs

Għandhom jiġu assigurati li l-vantaġġi tax-xiri ta’ żejt u gass LPG bl-irħis mil-Libja jgħaddu għand il-konsumatur.

L-Għaqda tal-Konsumaturi tilqa’ b’sodisfazzjon il-memorandum of understanding milħuq bejn il-Gvern Malti u dak Libjan għal xiri ta’ żejt mhux raffinat, fjuwil, dijżil, petrol u LPG b’rati favorevoli ħafna għal Malta. Dan jassigura li l-konsumaturi Maltin u Għawdxin ma jkunux affetwati kontinwament miċ-ċaqliq eċċessiv tal-prezz taż-żejt kaġunat mis-suq internazzjonali.

Issa l-Għaqda qed tistenna li l-vantaġġ akkwistat permezz ta’ dan il-ftehim jgħaddi għand ilkonsumaturi fil-forma ta’ prezzijiet irħas f’diversi swieq lokali li dawn l-aħħar snin gew affettwati b’mod ħażin minħabba żidied fil-fuels (bħal petrol u diesel) u anke fil-prezz tal-gass LPG li jintuża għat-tisjir mill-maġġoranza tal-familji Maltin.

L-Għaqda tfakkar ukoll li bħalissa qiegħda tistenna iktar roħs fil-prezzijiet taċ-ċilindri tal-gass jekk it-Tribunal għall-Kompetizzjoni u tal-Konsumatur jiftaħ għall-kompetizzjoni l-qasam taddistribuzzjoni taċ-ċilindri tal-gass.

L-Għaqda tfakkar li sa issa la l-Awtorita’ ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal- Konsumatur (MCCAA) u lanqas l-Awtorita’ ta’ Malta tar-Riżorsi (MRA) ma ppubblikaw impact assessment ta’ kif mistennija jorħsu l-prezzijiet f’dan is-settur u allura kemm hu mistenni jkun ir-roħs fid-distribuzzjoni taċ-ċilindri tal-gass. L-Għaqda tfakkar ukoll illi l-Awtoritajiet għandhom jassiguraw li l-kompetizzjoni għandha twassal ukoll għal titjib fis-servizz ipprovdut, xi ħaġa li wkoll l-ebda mill-Awtoritajiet imsemmija ma pprovdew xi forma ta’ assigurazzjoni lill-konsumaturi ta’ kif is-servizz ser jigi affettwat.

L-Għaqda ttenni li l-Gvern għandu d-dover, permezz tal-policies tiegħu mħaddm minn dawn l-Awtoritajiet, li jassigura li l-vantaġġ miksub jgħaddi għand il-konsumaturi u jħalli l-effett
mixtieq fid-diversi swieq oħra li sofrew minħabba zidied fil-prezz tal-fjuwel.

4 ta' Settembru 2013

{nl}{nl}{nl}