Oil Procurment Scandal: Consumer Authorities asked to investigate

{nl}

L-Għaqda tal-Konsumaturi titlob lill-Awtorita’ ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u l-Awtorita’ ta’ Malta għar-Riżorsi (MRA) sabiex jiġi investigat l-aġir tal-Enemalta għad-danni sofferti mill-konsumaturi fid-dawl tar-rapport tal- Awditur Ġenerali.

L-Għaqda tal-Konsumaturi hija mħassba bil-kontenut tad-diversi rapporti kemm fuq il-media kif ukoll wara r-rapport maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika fil-qasam tal-enerġija partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-prattiċi għal xiri ta’ żejt għall-ġenerazzjoni talelettriku. L-Għaqda hija konċernata minħabba l-fatt li kwalunkwe prattika f’dan il-qasam ikollha effett dirett fuq il-konsumaturi Maltin u Għawdxin ‘il għaliex finalment ikunu huma li jispiċċaw iħallsu l-kontijiet li kienu eżorbitanti għal dawn l-aħħar snin.

L-Għaqda tinnota li aspett tad-detriment li seta’ b’xi mod sofra l-konsumatur Malti u Għawdxi mhux jingħata l-attenzjoni xierqa mill-Awtoritajiet konċernati. Anzi huwa preokkupanti l-fatt li l-ebda awtorita’ li suppost qegħda hemm biex tħares l-interessi talkonsumaturi Maltin u Għawdxin ma esprimiet ruħha fuq din il-materja u lanqas biss aċċennaw li ser jiftħu xi investigazzjoni fuq inizjattiva tagħhom kif għandhom il-poter li jagħmlu mogħti lilhom skont il-liġi.

Għalhekk l-Għaqda ħadet l-inkarigu hija stess u talbet l-Awtorita’ ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur u dik għar-Riżorsi sabiex tinvestiga l-aġir tal- Enemalta fis-snin imgħoddija u flimkien jevalwaw x’kien id-dannu li sofrew il-konsumaturi Maltin u Għawdxin u jekk l-aġir tal-Enemalta wassalx għal tariffi għolja bla bżonn. Qed nitolbu li din l-investigazzjoni ssir minn dawn l-Awtoritajiet in vista tal-fatt li huma dawn iż-żewġ regolaturi li flimkien għandhom ir-responsabbilita’ li japprovaw il-prezz finali għallkonsumatur, li jassiguraw li jkun hawn prattiċi kummerċjali ġusti u jsegwu l-liġi talkompetizzjoni.

L-Għaqda tistenna li l-Awtoritajiet ikkonċernati jaslu għall-konklużjoni ta’ din l-investigazzjoni f’qasir żmien. Fuq kollox l-Għaqda tistenna li dawn iż-żewġ awtoritajiet jaħdmu flimkien u mhux joqogħdu jilagħbu ping pong bl-iskuża li m’għandhomx poteri skont il-liġi rispettivi tagħhom bħal ma ġieli għamlu fil-passat.

L-Għaqda tfakkar li l-liġijiet intiżi biex jipproteġu l-interessi tal-konsumatur inbidlu diversi drabi tul dawn l-aħħar sentejn bl-iskuża li l-Awtoritajiet ser ikunu jistgħu jaħdmu aħjar u allura issa ma tistenniex li jkun hemm problemi biex din il-kwistjoni tkun indirizzata f’qasir żmien.

30 ta' Lulju 2013